Hemm il-possibiltà li ħadd fil-fatt ma jirbaħ l-elezzjoni federali.
L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika juri li gvern ta’ minoranza jew Parlament ‘bla maġġoranza’ huwa possibbiltà, li jfisser li l-mexxejja tal-partiti l-kbar (il-Laburisti u l-Koalizzjoni Liberali/Nazzjonali) ikollhom bżonn jiksbu l-appoġġ ta’ membri tal-parlament oħra — magħmula minn indipendenti, Ħodor u membri ta’ partiti minuri oħra — biex jiffurmaw il-gvern.
Paul Williams, Professur tal-politika u l-ġurnaliżmu fl-Università ta’ Griffith, qal: “Din id-darba qed inħarsu lejn gvern ta’ minoranza.”
Graeme Orr, esperta tal-liġi elettorali mill-Università ta’ Queensland, qal li hekk kif il-vot primarju tal-partiti l-kbar niżel taħt it-30 fil-mija, hemm ċans akbar li jiġu eletti politikanti li m’humiex membri tal-partiti l-kbar.
“Naħseb li rridu nirrealizzaw u naċċettaw il-fatt li mhux biss [se jkun hemm] aktar gvernijiet ta’ minoranza fl-Awstralja... jeħtieġ ukoll li l-partiti jaġġustaw għal din l-idea li jinnegozjaw,” huwa qal.

Both parties each got more than 45 per cent of the primary vote in 1984, but these figures are on a downward trend. Source: SBS
Kif tirbaħ elezzjoni?
L-aktar mod sempliċi biex ikun iffurmat gvern huwa billi jirbaħ il-maġġoranza tas-siġġijiet fil-Kamra tar-Rappreżentanti, magħrufa wkoll bħala l-kamra t’isfel.
F’din l-elezzjoni se jkunu kkontestati 150 siġġu u se jkun hemm bżonn 76 siġġu għal maġġoranza sħiħa.
Iżda li ġġib inqas siġġijiet minn hekk xorta jista’ jwassal biex partit ikun fil-poter jekk jista’ jikseb appoġġ minn membri parlamentari oħra biex jikseb mill-inqas 76 siġġu.
X’ifisser ‘infieq u fiduċja' ?
L-inqas forma ta’ appoġġ li partiti minuri u indipendenti jistgħu joffru lil gvern hija fiduċja u infieq (provvista).
Dan jiggarantixxi li jappoġġjaw lill-gvern jekk fil-Parlament tkun introdotta mozzjoni ta’ “sfiduċja” u jivvotaw għal-liġijiet xierqa li jippermettu lill-gvern jonfoq il-flus, magħrufa wkoll bħala “provvista”.
“L-unika ħaġa li tista’ twaqqa lill-gvern li jkollu n-numri biżżejjed biex jiggverna hija jekk ma jkunx jista’ jgħaddi l-baġit mill-Parlament,” qal Orr.
Qal li l-Membri Parlamentari jirriservaw id-dritt li jimblukkaw liġijiet oħra li ma jaqblux magħhom.

Neither Labor nor the Coalition got enough seats to reach a majority in 2010. Source: SBS
Kif gvern ta’ minoranza jibdel il-politika?
Taħt gvern ta’ maġġoranza, negozjati biex tgħaddi leġislazzjoni jseħħu l-aktar fis-Senat, imma fi gvern ta’ minoranza, irid ikun hemm ukoll taħdidiet fl-kamra t’isfel biex jiġi assigurat appoġġ.
“Il-biċċa l-kbira tan-nies ma togħġobhomx l-idea ta’ Parlament bla maġġoranza jew ta’ gvern ta’ minoranza għax l-ewwel ħaġa li tiġik f’moħħok hija l-inċertezza, u affarijiet mhux mistennija li jistgħu jseħħu, ” qal Williams.
Huma rari l-gvernijiet ta’ minoranza?
L-ewwel tliet gvernijiet fl-Awstralja kienu gvernijiet minoranza fi żmien qabel partiti jew koalizzjonijiet kienu stabbiliti.
Iżda qabel l-2010, kienu għaddew 70 sena sakemm kien hemm gvern ta’ minoranza.
“Kellna gvern ta’ minoranza parzjalment fi żmien Turnbull, imma anke fi żmien Gillard. Qed issir ħaġa aktar komuni għax inqas u inqas nies qed jiddeċiedi li jivvutaw għal-Laburisti jew Liberali Nazzjonali,” qal Orr.
Huma ħżiena gvernijiet ta’ minoranza?
Gvernijiet ta’ minoranza jseħħu aktar ta’ spiss madwar id-dinja, inkluż fi New Zealand li teleġġi Membri Parlamentari permezz ta’ rappreżentanza proporzjonali. Sebgħa mill-aħħar 10 gvernijiet kienu ta’ minoranza.
“L-ebda gvern ma tilef vot ta’ fiduċja. L-ebda gvern ma tilef vot minħabba l-baġit. Il-gvernijiet jitilfu l-voti fuq il-leġislazzjoni b’mod regolari, iżda kostituzzjonalment, ma jiġri xejn. Rari tkun kriżi politika.”
Tippermetti wkoll aktar ħidma dwar liġijiet proposti, qal Shaw.
"Naħseb li l-vantaġġi huma li għandek aktar opinjonijiet madwar il-mejda tal-kabinett, u jekk ma jkunux mal-mejda tal-kabinett, allura jkunu f’pożizzjonijiet ministerjali barra mill-kabinett.
“Għalhekk aktar varjetà, aktar diversità, aktar votanti jaraw il-fehmiet tagħhom rappreżentati fil-gvern.”